Skip to main content
Family Law

L-Eżerċitar tad-Dritt tal-Aċċess fi żmien il-Covid-19

By April 14, 2020September 10th, 2023No Comments

Il-Covid-19 tefa’ piż fuq diversi aspetti tal-ħajja kwotidjana tagħna. Tefa’ pressjoni addizzjonali fuq sitwazzjonijiet li diġa’ kienu diffiċli kif kienu, bħal meta ġenituri jkollhom d-dritt ta’ aċċess għal uliedhom. Apparti l-lat emottiv, jeżistu aspetti legali wara din is-sitwazzjoni, li permezz ta’ dan l-artiklu ser nipprovaw ngħaddu ftit għarfien dwarhom.

Il-prinċipju ewlieni huwa li kull att pubbliku (kuntratt) u digriet tal-Qorti (ordni) li jirregola l-aċċess ta’ tfal minuri għadu validu. Pero’ apparti dawn, anke l-miżuri ta’ emerġenza maħruġa riċentement mill-Gvern huma validi. B’konsegwenza ta’ dan, ħafna ġenituri f’dan iż-żmien inċert huma preokkupati fuq kif id-dritt tal-aċċess, u arranġamenti li kienu fis-seħħ sabiex dan id-dritt jingħata, għandhom jigu implimentati. Jekk l-ebda wieħed mill-ġenituri ma kien espostt għal Covid-19 u ż-żewg ġenituri qiegħdin jieħdu l-prekawzjonijiet neċessarji kif qiegħed jiġi rrakomandat mill-awtoritajiet tas-saħħa, l-aċċess għandu jitkompla jitħalla jiġi eżerċitat bejn it-tfal u l-ġenituri. Dan il-parir qiegħed jigħata f’konformita’ ma’ skeda informattiva li ħarġet nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2020 mill-Gvern Malti fejn ġew implimentati miżuri għal persuni vulnerabbli. Fost l-eżenzjonijiet għal dawn il-miżuri implimentati wieħed isib l-eżerċitar tal-aċċess favur ‘l-ulied li ġie kkategoriżżat bħala ħtieġa assolutament essenzjali.

Għandu jkun ċar, li jekk wieħed mill-ġenituri jinsab taħt kwarantina u ma jistax joħroġ mir-residenza tiegħu, l-aċċess ma jistax iseħħ u huwa d-dritt tal-ġenitur l-ieħor li joġġezzjona biex l-aċċess ma jsirx. Il-Qrati dejjem esprimew il-pożizzjoni li d-deċiżjonijiet kollha għandhom jittieħdu fl-interess aħħari tal-minuri. Għaldaqstant, li ġenitur jkun imħasseb dwar is-saħħa ta’ uliedu huwa fattur importanti, li għandu jingħata piż meta qed jiġi deċiż jekk l-aċċess għandux jitkompla bħalma kien, jew jekk għandux jieqaf u jieħu forma oħra.

Il-fatt li wieħed mill-ġenituri jkun taħt kwarantina u ma jistax jeżerċita’ l-aċċess, ma jfissirx li l-ulied għandhom jiġu kompletament maqtugħa minn ma’ dak il-ġenitur. Fortunatament illum ngħixu f’dinja tekonoloġikament avvanzata u dan jippermetti li xorta jkun hemm kuntatt b’mod remot permezz ta’ video calls. Il-kwistjoni hija, jekk din hijiex enforzabbli bil-liġi. Jekk ġenitur jixtieq kjarezza fuq dan il-punt għaliex qed isibha diffiċli li juża mezzi teknoloġiċi bħal facetime jew skype call għal aċċess, wieħed jista’, jekk huwa kaz urġenti, japplika għal intervent tal-Qorti sabiex jingħata l-kjarezza meħtieġa u jkollu digriet eżegwibbli dwar dan.

Iż-żewġ ġenituri huma mħeġġa jżommu l-kommunikazzjoni ta’ bejniethom miftuħa, tinżamm il-flessibilita’ u jaħdmu flimkien f’dan ir-rigward. Dan għandu jgħin sabiex it-tfal ikollhom konnessjoni maż-żewġ ġenituri, filwaqt li tinżamm ir-rutina regolari tat-tfal b’mod sigur. Meta jagħmlu dan, il-ġenituri għandhom jiżguraw li l-aħjar interess ta’ uliedhom jibqa’ l-prijorita’ aħħarija u għandhom jevitaw akkost ta’ kollox li jpoġġu lil uliedhom fi kwalunkwe periklu.

Av. Malcolm Mifsud                                                                       Av. Maria Camilleri 

Kindly click here if you would like to access the English version of this article.  

Għal iktar informazzjoni tistgħu tikkuntatjaw lil wieħed mit-tim tagħna fuq Mifsud & Mifsud Advocates.