Skip to main content

Il-Covid-19 poġġiet pressjoni finanzjarja fuq ħafna. L-għeluq ta’ ajruporti, hotels, bars u ristoranti u bosta postijiet tax-xogħol fisser li hemm min tilef l-impjieg tiegħu għal kollox jew kellu jaċċetta riduzzjoni fil-paga f’termini tal-pakketti ta’ assistenza governattiva. Għal dawk li  kull xahar iħallsu manteniment versu l-konjugi jew it-tfal tagħhom ċertament ser iħossu l-piż u ser isaqsu jekk jistax isir xi ħaġa fiċ-ċirkustanzi.

L-ewwel prinċipju huwa li kuntratti ta separazzjoni, ftehim għal ħlas ta’ manteniment, digrieti u deċiżjonijiet tal-Qorti għadhom legalment validi. Dan iffisser illi l-pagamenti jridu jitħallsu xorta waħda. Huwa reat kriminali li persuna ma tħallasx il-manteniment, meta l-ħlas ikun regolat permezz ta’ kuntratt jew ta’ ordni tal-Qorti.

Minkejja dan, fiċ-ċirkustanzi preżenti, persuna li qablet li tħallas il-manteniment jew hija marbuta b’ordni tal-Qorti biex tħallas il-manteniment tista’ titlob lill-Qorti tirriduċi is-somma ta’ manteniment dovuta kull xahar billi tippreżenta rikors b’urġenza. Il-Qorti trid tkun konvinta li ċ-ċirkustanzi inbiddlu b’mod drastiku, u li l-familja fl-intjier tagħha kellha iċċekken l-infieq għaliex il-qliegħ naqas. Il-Qorti tkun konvinta biss, jekk l-applikant jipprovdi evidenza finanzjarja adegwata biex issostni dan.

Il-Qorti mhux ser toqgħod fuq il-verżjoni ta’ naħa waħda biss u żgur mhux forsi ser issaqsi l-parti l-oħra għall-opinjoni u l-verżjoni tal-fatti tagħha.

Fil-preżent il-Qrati huma magħluqin u għaldaqstant biex wieħed jippreżenta rikors, irid juri li dan ir-rikors huwa urġenti u jeħtieġ l-attenzjoni tal-Qorti b’mod immedjat.

Jeżistu każiijiet fejn il-konjugi jew il-ġenituri ma għandhomx relazzjoni ħażina bejniethom u għalhekk, iż-żewg naħat jistgħu jifhmu aktar lil xulxin. Il-partijiet jistgħu jaqblu li jitnaqqas l-ammont tal-manteniment f’daż-żminijiet diffiċli u jirrikonoxxu l-fatt li l-partijiet kollha għandhom jagħmlu sagrifiċċji finanzjarji u ekonimici. Jekk jeżisti dan il-ftehim volontarju, la l-Qrati huma magħluqin, huwa diffiċli biex il-ftehim jiġi approvat mill-Qrati. Minħabba li fil-preżent, mhuwiex possibbli li jiġi formalizzat ebda ftehim milħuq permezz tas-soliti proċeduri, ikun rakkomandabbli li mandankollu, għandu jiġi ppreżentat simultanjament  mar-rikors b’urġenza, ftehim bil-miktub bejn iż-żewġ partijiet.

Av. Malcolm Mifsud                                    Av. Maria Camilleri

Partner                                                         Associate 

Kindly click here if you would like to access the English version of this article.   

For more information you can contact one of our Team Members at Mifsud & Mifsud Advocates.